Category Archives: Taghlim Kumplimentari

Taghlim Kumplimentari

Tagħlim Kumplimentari

Hija realtà f’kull skola li jkun hemm studenti li jkollhom diffikultajiet fil-qari kif ukoll fil-kitba. Din is-sena fl-iskola tagħna tfassal pjan t’azzjoni immedjat għal dawn l-istudenti li jsibu diffikultajiet fil-qari. Kull student qed jingħata attenzjoni individwali skont il-ħiliet tagħhom. Bnejna programm għal kull student fejn kull wieħed jibni l-ħila tiegħu fil-qari ftit ftit kull wieħed bil-pass tiegħu. Diġà qed naraw progress sostanzjali f’kull student. Għandna programm kemm għall-Malti kif ukoll għall-Ingliż.

B’apprezzament nagħraf l-għajnuna tal-ġenituri li volontarjament u b’dedikazzjoni, għażlu li jgħinu lill-istudenti tal-iskola tagħna biex ikollhom attenzjoni individwali, kif jixirqilhom.

L-iskola tagħna wkoll addottat is-sistema tal-‘Guided Reading’ mis-sena l-oħra fir-raba’ sena  u din is-sena nfirxet għall-ħames sena. Din is-sistema ħadmet tajjeb fost l-istudenti li jistennew bil-ħerqa din il-lezzjoni. B’din is-sistema l-istudenti tagħna jkollhom iċ-ċans li jaqraw kotba li joqorbu aktar il-livell tagħhom, kif ukoll ikollhom l-opportunità li jiddiskutu u jużaw aktar l-ilsien Ingliż.

L-istudenti jinqasmu f’erba’ gruppi u kull grupp ikollu l-kotba tiegħu addattati għal-livell tal-istudenti. Bl-għajnuna ta’ xi adult (għalliema, għalliema kumplimentari, L.S.A. jew ġenitur), l-istudenti josservaw l-istampi attraenti tal-kotba, jaqraw l-istorja, jiddiskutu dak li jkun qed jiġri, kif ukoll jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-ktieb tagħhom. Wara li jinqara l-ktieb, darba oħra, l-istudenti jingħataw ktieb ieħor differenti.

Mariella Cassar

Għalliema Kumplimentari

Advertisements